L-għeruq tad-Direttorat imorru lura għall-1983 meta, taħt l-isem ta’ Unità ta’ Informazzjoni dwar is-Saħħa (HIU), twaqqaf tim żgħir magħmul minn żewġ infermiera u Uffiċjal Amministrattiv, primarjament biex jaħdmu fuq il-MONICA Survey li sar fl-1984. L-uffiċċji kienu jinsabu f’Harper Lane, il-Furjana. Kien biss fl-2001 li kien hemm ritorn tal-funzjoni tal-istħarriġ dwar is-saħħa li għaliha kien inħoloq primarjament id-Direttorat, bl-ewwel edizzjoni tal-Istħarriġ Nazzjonali għall-Intervista tas-Saħħa (NHIS). Twettaq edizzjoni aktar tard, flimkien mal-biċċa l-kbira tal-istati membri l-oħra tal-UE fl-2008 bħala parti mill-proġett tal-Istħarriġ Ewropew għall-Intervista tas-Saħħa (EHIS), li issa ġie implimentat madwar l-Ewropa bit-tieni fażi mwettaq bejn l-2013 – l-2015.
Matul l-aħħar snin id-Direttorat ġie inkarigat biex iwettaq diversi stħarriġ nazzjonali dwar is-saħħa. Hawn taħt tista’ ssib deskrizzjoni qasira ta’ kull stħarriġ li sar, b’links għall-paġni dettaljati tal-istħarriġ.
Stħarriġ Ewropew għall-Intervista tas-Saħħa (EHIS) 2019/2020
L-Istħarriġ Ewropew għall-Intervista tas-Saħħa kurrenti (EHIS 2019/2020) qed jitmexxa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) flimkien mad-Direttorat għall-Informazzjoni u r-Riċerka dwar is-Saħħa (DHIR) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u se jsir bejn Novembru 2019 u Marzu 2020. Ir-riżultat tal-istħarriġ se jipprovdi stampa komprensiva tas-saħħa tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex li tippermetti l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità tas-saħħa kurrenti.
Stħarriġ dwar Determinanti Soċjali tas-Saħħa
Filwaqt li stħarriġ nazzjonali ieħor jindika l-eżistenza ta’ inugwaljanzi soċjodemografiċi fis-saħħa f’Malta u Għawdex, l-ebda wieħed minnhom ma jesplora n-nisġa soċjali f’ biżżejjed dettall biex jippermetti lil dawk li jfasslu l-politika biex jidentifikaw ir-raġunijiet għal dawn l-inugwaljanzi. Dan huwa l-ewwel stħarriġ nazzjonali li jinvestiga d-determinanti soċjali tas-saħħa f’Malta u Għawdex.
L-istrument ta’ l-istħarriġ se jkun qed jesplora aħjar il-kuntest soċjali u ekonomiku tal- parteċipanti flimkien mal-istatus tas-saħħa, l-imġieba fir-rigward tas-saħħa u l-ostakli għas-saħħa awtorapportati, sabiex ikunu f’pożizzjoni aħjar biex jeżaminaw l-inugwaljanzi fis-saħħa u d-determinanti soċjali tas-saħħa rilevanti lokalment f’Malta.
Stħarriġ Ewropew għall-Intervista tas-Saħħa (EHIS) 2014/2015
It-tieni fażi ta’ dan l-istħarriġ – l-EHIS 2014/15 ġie implimentat skont ir-rekwiżiti legali kif stipulat mill-Kummissjoni Ewropea u pprovda paragun sinifikanti ma’ stati membri oħra fir-rigward tas-saħħa tan-nazzjon.
Stħarriġ dwar is-Saħħa Sesswali 2012
Dan huwa l-ewwel stħarriġ nazzjonali dwar l-għarfien, l-attitudnijiet u l-imġieba sesswali li sar f’Malta fost il-popolazzjoni ta’ bejn is-16 u l-40 sena.
Evalwazzjoni tal-Ħtiġijiet tal-Anzjani 2012
Dan l-istħarriġ ġabar data dwar il- ħtiġijiet tal-popolazzjoni anzjana Maltija ta’ 75+ li tgħix fil-komunità.
Studju Ewropew dwar l-Eżami tas-Saħħa (EHES) 2010
Dan l-istudju pilota sar biex jiġu ttestjati l-proċeduri tal-EHES fost il-pajjiżi Ewropej bil-għan li jiġu standardizzati l-aspetti metodoloġiċi tal-istħarriġ għal użu futur. Fl-2016 sar studju akbar fl-Università ta’ Malta bl-isem ‘Saħħtek’, li kien ibbażat fuq l-istess proċeduri.
Stħarriġ Ewropew għall-Intervista tas-Saħħa (EHIS) 2008
Din hija l-ewwel fażi tal-EHIS implimentat mill-kummissjoni tal-UE bħala l-pass inizjali għall-armonizzazzjoni tal-ġbir regolari tad-data tal-istħarriġ tas-saħħa madwar l-Ewropa. Matul l-ewwel fażi, 18-il stat membru kienu lestew l-istħarriġ.
Stħarriġ Nazzjonali għall-Intervista tas-Saħħa (NHIS) 2002
Fl-2002 Malta implimentat l-ewwel Stħarriġ Nazzjonali għall-Intervista tas-Saħħa. L-għan tal-istħarriġ kien li jipprovdi stampa tal-pajjiż kollu dwar il-piż tal-mard fil-popolazzjoni u li jinvestiga l-għarfien u l-imġieba tal-popolazzjoni Maltija fir-rigward tas-saħħa tagħha.