Politika dwar il-Protezzjoni tad-Dejta

Għanijiet għall-Ipproċessar

Id-Direttorat għall-Informazzjoni fuq is-Saħħa u Riċerka, minn issa ‘l quddiem DHIR, huwa l-Kontrollur tad-Dejta għal numru ta’ operazzjonijiet ta’ ipproċessar fi ħdan is-settur tas-saħħa f’Malta għall-interess pubbliku. Id-DHIR jimplimenta d-dispożizzjonijiet tar-Regolament Ġenerali 2016/679 tal-Unjoni Ewropea dwar il-Protezzjoni tad-Data, minn issa ‘l quddiem imsejjaħ il-GDPR flimkien mal-leġiżlazzjoni lokali li timplimenta dan ir-regolament, l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data 2018 (KAP. 586).

Id-DHIR jiġbor u jipproċessa informazzjoni dwar suġġetti tad-dejta fl-eżekuzzjoni tal-irwol tiegħu li jipprovdi servizz lill-klijenti u biex iwettaq il-portafoll ta’ responsabbilitajiet fdati lilu fl-ambitu tal-Att dwar is-Saħħa, l-Att dwar is-Saħħa Pubblika, l-Att dwar l-Istatistika u r-regolamenti applikabbli tal-istatistika tas-saħħa pubblika tal-Unjoni Ewropea.

F’dan ir-rigward, id-DHIR huwa responsabbli għall-ipproċessar sekondarju ta’ dejta personali u huwa meħtieġ li jaċċessa dejta personali minn entitajiet pubbliċi u privati tal-kura tas-saħħa, kif ukoll notifiki minn professjonisti tas-saħħa. Għal dan il-għan, il-Leġislazzjoni Sussidjarja 528.10 maħruġa taħt l-Att dwar is-Saħħa (KAP. 528), tistipula l-qafas regolatorju li permezz tiegħu jista’ jseħħ l-ipproċessar sekondarju tad-dejta fis-settur tas-saħħa.

Id-dejta kollha ipproċessata hija skont l-Atti u r-regolamenti msemmija hawn fuq.

Aktar informazzjoni dwar l-attivitajiet tagħna, ir-reġistri li namministraw u s-servejs li aħna responsabbli għalihom jistgħu jinstabu fuq is-sit elettroniku tagħna.

Riċevituri tad-Dejta

Id-dejta personali fornuta lid-DHIR tiġi ipproċessata mill-impjegati tad-DHIR b’mod kunfidenzjali waqt li jkunu qed iwettqu dmirijiethom. L-ipproċessar isir minn professjonisti tas-saħħa liċenzjati jew impjegati tas-servizz pubbliku li jaħdmu taħt is-superviżjoni diretta ta’ professjonisti tas-saħħa liċenzjati. L-impjegati kollha tad-DHIR huma marbuta bi ftehim ta’ kunfidenzjalità.

Qsim tal-informazzjoni tiegħek

Aħna ma, u mhux se, nbiegħu l-ebda dejta personali tiegħek lil xi parti terza. Madankollu aħna naqsmu dejta għal skopijiet ta’ riċerka, kif ġej.

Kull fejn huwa possibbli, l-aċċess għar-rekords tas-saħħa jingħata b’format anonimizzat, psewdonimizzat jew aggregat. F’ċirkostanzi rari u eċċezzjonali, aħna nagħtu aċċess għal dejta personali għal skopijiet ta’ riċerka fejn dawn huma manifestament fl-interess pubbliku u l-objettivi tar-riċerka ma jistgħux jintlaħħqu bl-użu ta’ dejta anonimizzata jew psewdonimizzata. F’dawn is-sitwazzjonijiet rari ħafna, l-aċċess huwa kundizzjonali għall-approvazzjoni mill-Kumitat tal-Etika fis-Saħħa meta r-riċerka ssir fi ħdan l-entitajiet tas-saħħa li jaqgħu taħt ir-responsabbilità tal-Ministeru għas-Saħħa u l-Anzjanità Attiva (MHA), u mill-kumitat tal-etika rilevanti rikonoxxut fir-riċerka akkademika fejn issir ir-riċerka taħt is-superviżjoni ta’ istituzzjoni akkademika. Fil-każijiet l-oħra kollha, l-aċċess għad-dejta tagħna jingħata biss jekk inti tagħti l-kunsens espliċitu biex din tingħata.

Id-drittijiet tiegħek

Inti tgawdi diversi drittijiet relatati mal-informazzjoni personali tiegħek:

Inti intitolat li tkun taf x’informazzjoni qed tinżamm mid-DHIR dwarek, ir-raġuni għaliex, min għandu aċċess għaliha u kif tinżamm.

F’dan ir-rigward, talbiet għal aċċess għal dejta personali jridu jsiru bil-miktub u indirizzati lill-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta, Direttorat għall-Informazzjoni fuq is-Saħħa u Riċerka, 95 Telgħet Gwardamanġa, Pietà PTA 1313 jew permezz tal-posta elettronika fuq [email protected]. Biex nipproċessaw it-talba tiegħek, aħna nitolbuk tibgħatilna prova tal-identità sabiex inkunu ċerti li qed nirrilaxxaw id-dejta personali lill-persuna t-tajba. Dan id-dokument ta’ identifikazzjoni jintbagħatlek lura mill-MHA meta tissottometti t-tweġiba bil-miktub.

Barra minn hekk, inti għandek id-dritt li bħala suġġett tad-dejta titlob li l-informazzjoni tiġi emendata, imħassra jew ma tintużax fil-każ lid-dejta miżmuma mhix korretta. F’dan ir-rigward, l-MHA jieħu l-azzjoni korrettiva xierqa fil-każ li jiġi ippruvat li l-informazzjoni miżmuma hija skorretta.

L-MHA għandu l-għan li jikkonforma mat-talbiet għal aċċess għal dejta personali malajr kemm jista’ jkun u jassigura li din tiġi provduta fi żmien 30 ġurnata.

Sigurtà tad-Dejta Personali tiegħek

Id-dejta tiegħek tinżamm fis-sistema tal-ġestjoni tal-informazzjoni tal-Gvern. Aħna nieħdu l-passi li ġejjin biex niżguraw l-ogħla livell possibbli ta’ sigurtà għad-dejta tiegħek.

  1. Użu ta’ servers siguri;
  2. Użu ta’ firewalls;
  3. Użu ta’ kriptaġġ;
  4. Kontrolli tal-aċċess għall-informazzjoni;
  5. Użu ta’ sistemi ta’ back-up.

Kif tikkuntattjana

Aħna dejjem lesti li nisimgħu mingħandek, kemm jekk tagħmel suġġeriment imma speċjalment jekk tħoss li nistgħu nagħmlu aħjar.

Jekk għandek xi mistoqsijiet dwar din il-Politika ta’ Privatezza, jew jekk tixtieq tagħmel ilment dwar kif ġiet immaniġġjata l-informazzjoni personali tiegħek, jekk jogħġbok ikkuntattjana fuq:

Direttorat għall-Informazzjoni fuq is-Saħħa u Riċerka
95 Telgħet Gwardamanġa
Pietà PTA 1313

Aħna appuntajna Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Dejta li jista’ jiġi ikkuntattjat hawn: [email protected].