Persuna ta’ kuntatt: Dr Kathleen England
Sfond għall-Istħarriġ
Fl-2014/15 id-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa (DHIR) wettaq it-Tieni Stħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea (EHIS) f’Malta u Għawdex. Dan segwa l-Ewwel Stħarriġ Nazzjonali tal-Intervista dwar is-Saħħa fl-2002, segwit minn dak li sar l-ewwel Stħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea (EHIS) fl-2008. Kien antiċipat li l-Istħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea se jsir kull 5/6 snin fil-futur skont ir-regolamenti tal-UE. L-EHIS ġie implimentat skont ir-rekwiżiti legali kif stipulat mill-Kummissjoni Ewropea u pprovda paragun sinifikanti ma’ stati membri oħra fir-rigward tas-saħħa tan-nazzjon.
X’inhu l-għan tal-Istħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea?
L-Istħarriġ tal-Intervisti dwar is-Saħħa Ewropea huwa studju li matulu tinġabar b’mod sistematiku informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa permezz ta’ intervisti (mingħajr eżami fiżiku) lil kampjun rappreżentattiv tal-popolazzjoni residenti f’Malta ta’ 15-il sena jew aktar. Kwistjonijiet relatati mas-saħħa jinkorporaw is-saħħa/mard tas-snien, fiżiku u mentali; limitazzjonijiet fiżiċi f’attivitajiet; użu ta’ servizzi tal-kura tas-saħħa u mediċini; u l-istil tal-ħajja (eż. dieta, eżerċizzju fiżiku, tipjip u alkoħol). Ir-riżultat huwa stampa globali tas-saħħa tal-popolazzjoni li tippermetti l-identifikazzjoni ta’ kwalunkwe qasam ta’ prijorità. Din l-informazzjoni dwar is-saħħa hija waħda mill-għodod li jistgħu jintużaw għall-promozzjoni tas-saħħa u l-prevenzjoni tal-mard. Din l-informazzjoni siewja dwar l-istat tas-saħħa tan-nazzjon ħafna drabi ma tistax tinkiseb minn sorsi oħra. Peress li l-Istħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea huwa antiċipat li jsir fl-Istati Membri kollha tal-UE kull ħames sa sitt snin, il-bidliet fl-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni Maltija u l-effett tal-programmi u l-politiki tas-saħħa jistgħu jiġu mmonitorjati. Konsegwentement, dan l-Istħarriġ dwar is-Saħħa jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’informazzjoni rilevanti li tippermettilhom jieħdu aktar deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, ir-riżultati jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra li wettqu wkoll l-istħarriġ, biex b’hekk jiġu identifikati kwistjonijiet li huma partikolari għal Malta.
Kif ġie magħżul il-kampjun?
Il-parteċipanti ntgħażlu permezz ta’ metodu ta’ għażla każwali kompjuterizzata minn reġistru tal-popolazzjoni pprovdut mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika. Il-parteċipanti kollha magħżula kienu individwi minn 15-il sena ‘l fuq. F’każijiet fejn il-parteċipant magħżul kien iżgħar minn 18-il sena, inkiseb il-kunsens tal-ġenituri/ gwardjan qabel ma twettaq l-intervista.
X’kien mistoqsi waqt l-intervista?
L-informazzjoni nġabret permezz ta’ 2 kwestjonarji. L-ewwel kwestjonarju tlesta mill-intervistatur imħarreġ waqt intervista wiċċ imb wiċċ. Dan il-kwestjonarju kopra diversi suġġetti bħall-kwalità tal-ħajja u l-benessri, id-dieta, l-eżerċizzju fiżiku, il-piż u t-tul tal-ġisem, il-mard u d-diżabilitajiet kif ukoll l-użu tas-servizzi tas-saħħa u l-mediċini.
It-tieni kwestjonarju iqsar kien kwestjonarju li l-persuna kellha timla waħedha, li kopra suġġetti aktar sensittivi dwar l-istil tal-ħajja tiegħu, bħall-użu tat-tabakk, tal-alkoħol u tad-droga. Iż-żewġ kwestjonarji ġew adattati kif xieraq biex jindirizzaw id-differenza fl-aspetti kulturali u soċjali kif ukoll fis-sistema tal-kura tas-saħħa f’Malta, meta mqabbla ma’ pajjiżi oħra Ewropej. Wara l-intervista, il-kwestjonarji mimlija tpoġġew f’envelop issiġillat u ġew irritornati lid-Direttorat. Id-data miġbura permezz tal-istħarriġ mhix identifikabbli u ma tistax tiġi marbuta lura mal-parteċipanti.
Kwestjonarju bil-Malti
Rapporti, Analiżi tad-Data u Studji, EHIS 2014/15
Stħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea 2014-15 Rapport Sommarju għal Malta
Għal aktar informazzjoni fir-rigward tar-riżultati tal- Istħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea 2014/15, jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa fuq +356 2559 9000 jew [email protected].
RIKONOXXIMENTI
Id-DHIR jixtieq jirringrazzja lill-isponsors tagħna għall-appoġġ li qed joffru biex jgħinu fis-suċċess ta’ dan l-istħarriġ. Dawn jinkludu l-isponsors ewlenin tagħna:
Chemimart Group Ltd
Ħwienet JB
Hotel Xlendi Resort Spa
Nixtiequ nirringrazzjaw ukoll lill-EUROSTAT għall-għoti tal-kwestjonarju ewlieni u lill-partijiet interessati l-oħra kollha, fi ħdan, kif ukoll dawk mhux parti mill-Ministeru għall-Enerġija u s-Saħħa, għall-kontribut tagħhom biex dan l-istħarriġ isir kemm jista’ jkun komprensiv u rilevanti.
Għal aktar informazzjoni dwar l-Istħarriġ tal-Intervista dwar is-Saħħa Ewropea jekk jogħġbok ikkuntattja lid-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa fuq 25599000 jew permezz ta’ email lil [email protected].