Persuni ta’ kuntatt: Dr Kathleen England, Ms Dorita Buttigieg

Sfond għall-Istħarriġ

Id-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa (DHIR) wettaq l-Ewwel Stħarriġ Nazzjonali għall-Intervisti tas-Saħħa fl-2002, segwit minn dak li sar l-ewwel Stħarriġ Ewropew għall-Intervisti tas-Saħħa (EHIS) fl-2008. Wara dan skont ir-regolamenti tal-UE (Regolament (KE) Nru. 1338/2008) l-EHIS titwettaq kull 5/6 snin u l-aħħar waħda titwettaq fl-2014/15.

L-Istħarriġ Ewropew għall-Intervisti tas-Saħħa kurrenti (EHIS 2019/2020) qed jitmexxa mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO) flimkien mad-Direttorat għall-Informazzjoni u r-Riċerka dwar is-Saħħa (DHIR) fi ħdan il-Ministeru għas-Saħħa u se jsir bejn Novembru 2019 u Marzu 2020.

L-istudju ngħata approvazzjoni mill-Kumitat għall-Etika tas-Saħħa tal-Ministeru għas-Saħħa u d-data se tiġi ttrattata skont l-artikoli u d-derogi tar-Regolamenti Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u l-Att tal-Awtorità ta’ Malta tal-Istatistika – Kap. 422. 422.

X’inhu l-għan tal-istħarriġ?

L-Istħarriġ Ewropew għall-Intervisti tas-Saħħa huwa studju li fih tinġabar b’mod sistematiku informazzjoni dwar kwistjonijiet relatati mas-saħħa. Ir-riżultat huwa stampa komprensiva tas-saħħa tal-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex, li tippermetti l-identifikazzjoni tal-oqsma ta’ prijorità tas-saħħa f’dak il-mument. Dan huwa sors ta’ valur ta’ informazzjoni dwar l-istat tas-saħħa tan-nazzjon li ma jistax jinkiseb minn sorsi oħra.

Peress li l-Istħarriġ Ewropew għall-Intervisti tas-Saħħa huwa antiċipat li jsir fl-Istati Membri kollha tal-UE kull ħames sa sitt snin, il-bidliet fl-istat tas-saħħa tal-popolazzjoni Maltija u l-effett tal-programmi u l-politiki tas-saħħa jistgħu jiġu mmonitorjati. Konsegwentement, dan l-Istħarriġ dwar is-Saħħa jipprovdi lil dawk li jfasslu l-politika b’informazzjoni rilevanti li tippermettilhom jieħdu aktar deċiżjonijiet ta’ politika bbażati fuq l-evidenza fil-qasam tas-saħħa pubblika. Barra minn hekk, ir-riżultati jistgħu jitqabblu ma’ dawk ta’ pajjiżi oħra li qed iwettqu wkoll l-istħarriġ, biex b’hekk jiġu identifikati kwistjonijiet potenzjali li jistgħu jkunu partikolari għal Malta.

Kif isir l-istħarriġ u x’inhu mistoqsi waqt l-intervista?

L-istħarriġ isir permezz ta’ intervista wiċċ imb’wiċċ (mingħajr eżami fiżiku) lil kampjun rappreżentattiv ta’ 4000 individwu minn 15-il sena ‘l fuq, li huma residenti fil-Gżejjer Maltin. Dawk li jintgħażlu biex jiġu intervistat se jirċievu ittra ta’ stedina mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika li tinformahom li ġew magħżula b’mod każwali biex jipparteċipaw fl-istħarriġ. Wara dan, il-persunan li ser tkun intervistata tiġi kkuntattjata bit-telefon minn intervistatur imħarreġ mill-NSO li se jitlob li jiffissa appuntament mal-persuna għal intervista.

L-istħarriġ isir permezz ta’ 2 kwestjonarji. L-ewwel kwestjonarju jkopri diversi suġġetti bħall-kwalità tal-ħajja u l-benessri, id-dieta, l-eżerċizzju fiżiku, il-piż u t-tul tal-ġisem, is-saħħa fiżika u mentali u d-diżabilitajiet u wkoll l-użu ta’ servizzi tas-saħħa u mediċini, fost suġġetti oħra. It-tieni kwestjonarju iqsar ikopri suġġetti aktar sensittivi dwar l-istil ta’ ħajja tal-parteċipant, bħall-użu tat-tabakk, l-alkoħol u d-droga.

Il-kwestjonarji kompluti bl-Ingliż u bil-Malti jistgħu jiġu aċċessati permezz tal-links ta’ hawn taħt:

Kwestjonarju bil-Malti

Kwestjonarju bil-Malti imwieġeb mill-parteċipant innifsu

L-informazzjoni kollha miġbura fl-istħarriġ se tkun anonimizzata u tintuża biss għal skopijiet ta’ statistika u riċerka u biex tgħin fl-iżvilupp tal-politika tas-saħħa għall-popolazzjoni ta’ Malta u Għawdex.

Rapporti, Analiżi tad-Data u Studji, EHIS 2019/2020

Stħarriġ tal-Intervista tas-Saħħa Ewropea 2019/2020: Rapport dwar Kura tas-Saħħa

Stħarriġ tal-Intervista tas-Saħħa Ewropea 2019/2020: Rapport dwar l-Istatus tas-Saħħa

Stħarriġ tal-Intervista tas-Saħħa Ewropea 2019/2020: Rapport dwar id-Determinanti tas-Saħħa

Min għandek tikkuntattja jekk għandek xi mistoqsijiet?

F’każ li jkollok xi diffikultà, inti ġentilment mitlub tikkuntattja lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika fuq 25997379 bejn it-8:30am u t-3:30pm mit-Tnejn sal-Ġimgħa jew tibgħat e-mail fuq [email protected].

Għal aktar informazzjoni ġenerali dwar l-Istħarriġ għall-Intervista tas-Saħħa Ewropea tista’ wkoll tikkuntattja lid-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa fuq 25599000 jew tibgħat email fuq [email protected].

Il-parteċipazzjoni tiegħek f’dan l-istħarriġ hija estremament importanti u l-kwalità tal-informazzjoni li niġbru tiddependi fuq il-parteċipazzjoni tiegħek.