Dwarna

L-għeruq tad-Direttorat imorru lura għall-1983 meta taħt l-isem ta’ ‘Taqsima ta’ Informazzjoni dwar is-Saħħa’ (HIU), ġie mwaqqaf tim żgħir magħmul minn żewġ infermiera u uffiċjal amministrattiv, primarjament biex jaħdmu fuq is-servej, MONICA li twettaq fl-1984. L-uffiċċji kienu jinsabu f’Harper Lane, il-Furjana.

Fl-1985, it-taqsima kollha b’żieda sostanzjali fl-istaff, imxiet għal bini ġdid fi Gwardamanġa, taħt l-isem il-ġdid ta’ ‘Taqsima ta’ Informazzjoni dwar is-Servizzi tas-Saħħa’ (HSIU). L-ewwel 3 reġistri bdew joperaw taħt sistema manwali. Dawn kienu r-reġistri tal-Mortalità, tal-Kanċer u tal-Mard Infettiv. Fl-istess ħin, bl-għajnuna tal-Uffiċċju Reġjonali tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa għall-Ewropa (WHO/Ewropa), inġieb mainframe kompjuter tal-‘ewwel ġenerazzjoni’ flimkien ma’ persunal imħarreġ fl-IT sabiex tinħoloq l-ewwel ‘sistema nazzjonali ta’ informazzjoni dwar is-saħħa’, inkluż l-ewwel Patient Master Index kompjuterizzat tal-fajls tal-pazjenti fl-Isptar San Luqa.

Fl-1991, id-Direttorat ġie msemmi mill-ġdid bħala t-‘Taqsima tas-Sistemi ta’ Informazzjoni dwar is-Saħħa’ (HISU) biex jirrifletti l-mandat wiesa’ tiegħu fir-rigward tas-sistemi tal-informazzjoni. F’dan il-perjodu, l-ewwel PCs ibbażati fuq il-Windows ġew introdotti li fuqhom ġie introdott il-pakkett, DBase III Plus biex jiffaċilita l-manutenzjoni tar-reġistri tal-pazjenti. Fl-1993, id-Direttorat ġie rikonoxxut bħala dipartiment għall-ewwel darba taħt l-isem, ‘Dipartiment tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa’ (DHI). Id-DHI kien il-forza għall-introduzzjoni ta’ servizzi ibbażati fuq il-web, bl-ewwel sit elettroniku tas-saħħa jitnieda fl-1996.

Fl-1997, id-Direttorat mexa fil-post attwali tiegħu. F’din l-istess sena, id-DHI kien il-fulkru għall-introduzzjoni tal-ewwel Sistema integrata ta’ Amministrazzjoni tal-Pazjenti (PAS) fl-isptarijiet tal-Gvern. Fl-2000, id-Direttorat għadda minn trasformazzjoni oħra bid-domanda dejjem tikber biex il-biċċa l-kbira tar-rapporti jkunu faċilment disponibbli onlajn fuq is-sit elettroniku tiegħu. Is-sena 2001 taf ir-ritorn tal-funzjoni tas-servejs tas-saħħa li għaliha d-Direttorat kien primarjament inħoloq lura fl-1983, bl-ewwel edizzjoni tas-Servej Nazzjonali tal-Intervisti fuq is-Saħħa (NHIS). Edizzjoni sussegwenti twettqet flimkien mal-biċċa l-kbira tal-istati membri l-oħra tal-UE fl-2008 bħala parti mill-proġett, Servej tal-Intervista tas-Saħħa Ewropea (EHIS), liema proġett issa ġie implimentat madwar l-Ewropa bit-tieni mewġa tas-Servej issir bejn l-2013 u l-2015.

Fl-2007, id-Direttorat biddel ismu għal ‘Dipartiment għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa’ (DHIR) biex jenfasizza wkoll l-irwol tiegħu, issa stabbilit, fil-qasam tas-servejs tas-saħħa nazzjonali. Ftit snin wara dan, id-Dipartiment ġie rikonoxxut bħala direttorat u ġie mogħti l-isem ta’ ‘Direttorat għall-Informazzjoni fuq is-Saħħa u Riċerka’ kif inhu magħruf illum. Il-bidliet li saru mill-2007 kienu r-riżultat ta’ awditjar maġġuri tal-funzjonijiet ta’ dan id-direttorat. Matul dawn l-aħħar 30 sena, id-Direttorat kiber minn sempliċiment wieħed li jżomm numru ta’ reġistri, għal ċentru ta’ intelliġenza biex jgħin lill-awtoritajiet tas-saħħa fil-monitoraġġ tas-saħħa tal-popolazzjoni Maltija għat-tfassil ta’ strateġiji u politiki ġodda.