DATA BASE TAL-KORRIMENTI

Persuna ta’ Kuntatt: Is-Sa Audrey Galea

Il-korrimenti huma problemi tas-saħħa u jistaw jiġu evitati. L-għan tal-European Injury Data Base (IDB) huwa li tiffaċilita politika u programmi effettivi għall-prevenzjoni tal-korrimenti fil-livell tal-UE u tal-pajjiż. Il-bażi tad-dejta tipprovdi informazzjoni dwar korrimenti aċċidentali bħal inċidenti fid-dar, korrimenti fl-isports u fid-divertiment, inċidenti fuq il-post tax-xogħol u inċidenti tat-triq, kif ukoll korrimenti minħabba vjolenza fiżika u ħsara personali. Id-dejta tal-IDB hija komplimentari għall-istatistika ġenerali tal-mortalita’, l-istatistika tal-ħruġ mill-isptarijiet, u l-istħarriġ tas-saħħa, kif ukoll għar-reġistri speċifiċi tal-inċidenti tat-toroq u l-post tax-xogħol. Id-dejta tal-IDB disponibbli bħalissa hija prodotta volontarjament minn aġenziji nazzjonali kompetenti, taħt il-koordinazzjoni tal-Assoċjazzjoni Ewropea għall-Prevenzjoni ta’ Korrimenti u l-Promozzjoni tas-Sigurta’ (EuroSafe).

Id-database tal-UE hija ospitata mill-Istitut Nazzjonali tas-Saħħa fl-Italja (Istituto Superiore di Sanita’ – ISS), responsabbli għall-ipproċessar ċentrali tad-data mogħtija mill-parteċipanti tal-imsieħba nazzjonali. Informazzjoni dettaljata dwar l-IDB u kif jaħdem in-Netwerk ta’ aġenziji nazzjonali, tista’ tinstab fuq il-websajt tal-EuroSafe u l-paġni ddedikati tagħha fuq il-Bażi tad-Dejta Ewropea dwar il-Korrimenti.

GĦANIJIET

Tinġabar dejta u jinżamm reġistru tal-inċidenti u l-korrimenti kollha li jippreżentaw fid-dipartimenti tal-emerġenza f’Malta u Għawdex.

Tipprovdi dejta li tista’ tkun meħtieġa għas-sorveljanza u l-prevenzjoni ta’ korrimenti.

SFOND

L-Injury Data Base (IDB) ġiet imnedija uffiċjalment f’Malta f’Settembru 2004 biex tingħaqad ma’ pajjiżi oħra tal-UE. Id-Direttorat għall-Informazzjoni u Riċerka dwar is-Saħħa huwa l-korp responsabbli għall-kumpilazzjoni ta’ tali dejta.

KOPERTURA

Ir-reġistru jiġbor il-ġrieħi kollha miż-żewġ Dipartimenti ewlenin tal-Inċidenti u Emerġenza f’Malta fl-Isptar Mater Dei u l-Isptar Ġenerali t’Għawdex.

ĠBIR TA’ DEJTA U SORSI TA’ INFORMAZZJONI

Id-dejta tal-korrimenti tinġabar minn dawk kollha li jattendu d-Dipartimenti tal-Emerġenza fiż-żewġ sptarijiet ġenerali f’Malta u Għawdex u torbot ukoll mar-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalita’ u r-Reġistru Nazzjonali ta’ Informazzjoni tal-Isptarijiet.

Ir-reġistru jżomm ir-rekords imsemmija sabiex:

  • Tiġi evitata reġistrazzjoni duplikata;
  • Jippermetti r-rabtiet mas-Sistemi ta’ Informazzjoni tal-Isptarijiet u r-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalita’.

Il-kunfidenzjalita’ stretta hija rispettata f’kull ħin.

LINKS

https://www.siniaca-idb.eu/

https://www.eurosafe.eu.com/key-actions/injury-data

NSO

DIKJARAZZJONI TA’ KUNFIDENZJALITA’

Id-dejta kollha tinġabar u tiġi pproċessata skont ir-Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data, adottat fl-Att dwar il-Protezzjoni tad-Data XX tal-2018. Fit-8 ta’ Ottubru 2019, ġie ppubblikat l-Avviż Legali 263 tal-2019. Dan l-Avviż Legali huwa maħsub biex jippromulga r-Regolamenti dwar l-Ipproċessar ta’ Data Personali (Ipproċessar Sekondarju) (Is-Settur tas-Saħħa) (S.L. 528.10 tal-Liġijiet ta’ Malta) (“ir-Regolamenti”).