Reġistru Nazzjonali tad-Dijabete
(xogħol li għaddej bħalissa)

Persuna ta’ Kuntatt: Is-Sa Lorinda Camilleri

Ir-Reġistru Nazzjonali tad-Dijabete qed jiġi żviluppat bħala sistema waħdanija biex tappoġġja l-monitoraġġ, id-dijanjożi, u l-immaniġġjar tad-dijabete f’Malta. Huwa maħsub biex jipprovdi aċċess strutturat u integrat għall-prattikanti tas-saħħa u t-tobba fis-sistema tal-kura tas-saħħa, filwaqt li joħloq sors wieħed ta’ informazzjoni dwar l-inċidenza tal-marda, il-mudelli tal-kura, u l-eżiti tas-saħħa.

Ir-Reġistru huwa ddisinjat biex jassigura kopertura komprensiva tal-popolazzjoni, filwaqt li jappoġġja l-monitoraġġ kontinwu, l-ippjanar tas-servizz, u r-riċerka epidemjoloġika futura. Id-dejta miġbura ser tipprovdi iktar għarfien fuq il-piż nazzjonali tad-dijabete u ser tgħin fl-evalwazzjoni u t-titjib tal-istrateġiji ta’ prevenzjoni u s-servizzi kliniċi.

Ir-Reġistru għandu jappoġġja wkoll screening opportunistiku għal kumplikazzjonijiet sekondarji f’dijabetiċi Maltin.

L-informazzjoni kollha ser tiġi rreġistrata u miżmuma f’konformità mar-Regolament Ġenerali (UE) 2016/679 dwar il-Protezzjoni tad-Data (GDPR) u l-leġiżlazzjoni nazzjonali dwar il-protezzjoni tad-dejta u ser tintuża esklussivament għal skopijiet ta’ saħħa pubblika u riċerka. Ir-Reġistru ser iservi bħala riżorsa għall-ippjanar tal-kura tas-saħħa, l-iżvilupp ta’ politika, u bħala bażi għar-riċerka dwar ix-xejriet u l-eżiti fid-dijabete madwar Malta.