REĠISTRU NAZZJONALI TAL-MORTALITÀ
Persuna ta’ Kuntatt: Dott. Kathleen England
L-istatistika tal-mortalità hija sors importanti ta’ informazzjoni li tista’ tintuża biex tissorvelja l-istatus tas-saħħa ta’ pajjiż kif ukoll biex tikkumpara l-kundizzjonijiet soċjali, ekonomiċi u tas-saħħa fi gruppi differenti ta’ popolazzjoni.
Il-mortalità tat-trabi tradizzjonalment kienet meqjusa bħala indikatur tajjeb tas-saħħa u l-iżvilupp ġenerali tal-pajjiż.
GĦANIJIET
- Biex tinġabar, tiġi ikkodifikata u maħżuna dejta f’format rikonoxxut internazzjonalment dwar l-imwiet kollha li jseħħu fil-Gżejjer ta’ Malta u Għawdex.
- Biex tiġi analizzata din id-dejta u prodotta informazzjoni li tista’ tintuża fl-ippjanar tal-politika u s-sistemi tas-saħħa kif ukoll fl-evalwazzjoni tal-effettività tal-pjanijiet tal-kura tas-saħħa.
- Biex ikollu dejta kompleta u eżatta li tista’ tintuża fi studji epidemjoloġiċi.
- Biex jipprovdi sors ta’ informazzjoni lill-professjonisti tal-kura tas-saħħa, lill-istudenti u lill-pubbliku ġenerali li tista’ tintuża għal skopijiet ta’ studji u riċerka.
- Biex iwieġeb mistoqsijiet magħmula mill-Parlament kif ukoll mill-midja.
- Biex jipprovdi informazzjoni lill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika (NSO), l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO), l-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Komunitajiet Ewropej (EUROSTAT) u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA).
SFOND
Id-dejta tal-mortalità ippubblikata skont il-kawża tal-mewt hija disponibbli mill-1872 f’Malta. Din ġiet ippubblikata fil-forma ta’ rapport ta’ kull ħmistax mit-Tabib Ewlieni tal-Pulizija. Rapporti annwali wara l-1896 ġew ippubblikati mill-Uffiċjal Mediku Ewlieni tal-Gvern.
Id-Dipartiment tal-Informazzjoni dwar is-Saħħa u l-prekursuri tiegħu ilhom responsabbli biex iżommu d-dejta tal-mortalità mill-1983 ‘il quddiem.
KOPERTURA
Iċ-ċertifikati kollha tal-mewt ta’ nies li jmutu fil-Gżejjer Maltin jintbagħtu lid-dipartiment u r-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalità ta’ Malta huwa responsabbli għall-kodifikazzjoni, id-dħul, il-verifika tal-informazzjoni u l-analiżi tad-dejta sabiex tinħoloq statistika dwar il-mortalità li tkun eżatta u f’waqtha kemm jista’ jkun.
ĠBIR TA’ DEJTA U SORSI TA’ INFORMAZZJONI
Is-sors ewlieni ta’ informazzjoni huwa ċ-ċertifikat tal-mewt.
L-eżattezza u d-dettall jiżdiedu billi wieħed iħares lejn il-fajl tal-pazjent mejjet, jiddiskuti mat-tabib li ċċertifika l-mewt, kif ukoll meta wieħed jikkollabora mal-patoloġisti u l-pulizija, speċjalment rigward imwiet minħabba kawżi esterni. Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Kanċer huwa sors importanti ieħor ta’ informazzjoni li jintuża.
Il-kawżi tal-mewt huma ikkodifikati skont il-Klassifikazzjoni Internazzjonali tal-Mard u l-Problemi tas-Saħħa Relatati (ICD). ICD Verżjoni 10 ilha tintuża mill-1995. ICD hija klassifikazzjoni standard internazzjonali ta’ dijanjożi li tippermetti l- irrekordjar, l-analiżi, l-interpretazzjoni u l-paragun sistematiku tad-dejta tal-mortalità. Din tintuża biex tittraduċi dijanjożi ta’ mard minn kliem f’kodiċi alfanumeriku, li jippermetti il-ġabra faċli, l-irkupru u l-analiżi tad-dejta.
RELAZZJONIJIET NAZZJONALI U INTERNAZZJONALI
Fuq livell nazzjonali, ir-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalità ta’ Malta huwa f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-NSO. Internazzjonalment teżisti assoċjazzjoni mal-WHO, il-EUROSTAT u l-EMCDDA. Dawn l-entitajiet jirċievu informazzjoni dwar il-mortalità f’Malta fuq bażi annwali.
TAĦRIĠ GĦAĊ-ĊERTIFIKATURI
Għalkemm il-biċċa l-kbira tat-tobba huma ikkonfrontati bil-kompitu li jimlew ċertifikati tal-mewt, ħafna ma jirċievux taħriġ adegwat f’din il-kapaċità. L-ineżattezzi li jirriżultaw fl-informazzjoni jimminaw il-kwalità tad-dejta maħruġa minn ċertifikati tal-mewt (Myers et al., 1998).
L-UE ħolqot pakkett ta’ taħriġ dwar iċ-ċertifikazzjoni tal-kawżi tal-mewt. Dan il-pakkett huwa mmirat għal għalliema tal-mediċina, tobba, inkluż tobba ġenerali, tobba tal-isptarijiet u speċjalisti bħal patoloġisti u tossikologi kif ukoll studenti tal-mediċina.
L-użu ta’ dan il-pakkett ta’ taħriġ huwa maħsub biex jassisti liċ-ċertifikaturi biex jipprovdu informazzjoni ta’ kwalità f’oqsma fejn iseħħu problemi komuni billi jingħataw struzzjonijiet u eżempji prattiċi fuq it-tlestija korretta tal-parti medika taċ-ċertifikati tal-mewt.
Iċ-ċertifikat tal-mewt rakkomandat skont il-linji gwida tad-WHO għandu 4 linji fil-parti I tal-parti medika taċ-ċertifikat tal-mewt. L-eżempji ppreżentati jsegwu wkoll dawn il-linji gwida. Il-kawża sottostanti tal-mewt, li tagħti bidu għall-ġrajjiet li eventwalment ikunu wasslu għall-mewt, għandha tinkiteb fuq l-aħħar linja użata tal-parti I taċ-ċertifikat tal-mewt.
Linji gwida għaċ-Ċertifikaturi
Linji gwida għat-Tobba li jimlew iċ-Ċertifikat Mediku tal-Mewt
Il-pakkett ta’ taħriġ tal-UE jkopri:
manwal bażiku tal-UE fuq iċ-ċertifikazzjoni
fuljett ta’ informazzjoni bażika
Dawn il-prodotti kienu parti minn proġett tal-UE mmexxi mill-ISTAT (Istitut Nazzjonali Taljan tal-Istatistika) b’kollaborazzjoni mal-istati membri. L-Istati Membri mbagħad kienu responsabbli għall-adattament nazzjonali ta’ dan il-materjal ta’ taħriġ.
PUBBLIKAZZJONIJIET
Biex tara fajls f’format pdf, il-kompjuter tiegħek jeħtieġ li jkollu l-Acrobat Reader installat. Ikklikkja hawn biex tniżżel.
Pubblikazzjonijiet li fihom ġiet inkluża dejta mir-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalità ta’ Malta:
Iż-żieda tal-mewt fid-dar fil-pandemija tal-COVID-19: studju ibbażat fuq il-popolazzjoni tad-data taċ-ċertifikati tal-mewt għal adulti minn 32 pajjiż, 2012-2021
Awturi: Silvia Lopes, Andrea Bruno de Sousa, Mayra Delalibera, Elizabeth Namukwaya, Joachim Cohen, Barbara Gomes
Ippubblikat 02 ta’ Jannar, 2024; DOI: https://doi.org/10.1016/j.eclinm.2023.102399
XEJRIET FIL-MORTALITÀ SKONT IL-KAWŻA TAL-MEWT
Xejriet fil-mortalità minn mard ċerebrovaskulari
DEJTA TAL-EUROSTAT DWAR IL-KAWŻA TAL-MEWT
https://ec.europa.eu/eurostat/databrowser/product/view/hlth_cd_aro
FOLJI TA’ FATTI
Imwiet Attribwibbli għat-Tipjip
Imwiet f’residenti tal-Gżejjer Maltin matul l-2014
ĊERTIFIKAT TAL-MEWT RIVEDUT
Ċertifikat tal-Mewt Rivedut (jista’ jiġi komplut onlajn, ipprintjat, iffirmat u mibgħut bil-mod tas-soltu.)
Il-verżjoni Word taċ-ċertifikat tal-mewt huwa disponibbli fuq talba.
LINKS TA’ UŻU
Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika
Uffiċċju Reġjonali tal-WHO għall-Ewropa
Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga
DIKJARAZZJONI TA’ KUNFIDENZJALITÀ
Ir-Reġistru Nazzjonali tal-Mortalità jiġbor u jipproċessa informazzjoni personali dwar imwiet għal skopijiet ta’ statistika u riċerka u fl-interess tas-saħħa pubblika. Id-dejta kollha tinġabar u tiġi ipproċessata skont l-Att dwar il-Protezzjoni u l-Privatezza tad-Data 2018 (KAP. 586). Ir-Reġistru ma jiżvelax dejta identifikabbli sakemm il-liġi ma tippermettix dan. L-individwi kollha huma intitolati li jkunu jafu x’informazzjoni għandu r-Reġistru dwarhom.